Overweging 59 AI Act
Officiële tekst
id="rct_59">
(59)
Minħabba r-rwol u r-responsabbiltà tagħhom, l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jinvolvu ċerti użi tas-sistemi tal-IA huma kkaratterizzati minn grad sinifikanti ta' żbilanċ fil-poter u jistgħu jwasslu għal sorveljanza, għal arrest jew għal ċaħda tal-libertà ta' persuna fiżika u għal impatti negattivi oħra fuq id-drittijiet fundamentali garantiti fil-Karta. B'mod partikolari, jekk is-sistema tal-IA ma tkunx imħarrġa b'data ta' kwalità għolja, ma tkunx tissodisfa rekwiżiti adegwati fir-rigward tal-prestazzjoni, l-akkuratezza jew ir-robustezza tagħha, jew ma tkunx imfassla u ttestjata kif xieraq qabel ma tiġi introdotta fis-suq jew titqiegħed fis-servizz b'xi mod ieħor, din tista' tindividwa persuni b'mod diskriminatorju jew b'mod skorrett jew inġust. Barra minn hekk, l-eżerċitar ta' drittijiet fundamentali proċedurali importanti, bħad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust kif ukoll id-dritt għal difiża u l-preżunzjoni tal-innoċenza, jista' jiġi mfixkel meta, b'mod partikolari, dawn is-sistemi tal-IA ma jkunux trasparenti, spjegabbli u dokumentati biżżejjed. Għalhekk, sakemm l-użu tagħhom ikun permess skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali, jixraq li xi sistemi tal-IA maħsuba biex jintużaw fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi jiġu kklassifikati bħala b'riskju għoli, meta l-akkuratezza, l-affidabbiltà u t-trasparenza jkunu partikolarment importanti biex jiġu evitati impatti negattivi, tinżamm il-fiduċja pubblika u jiġu żgurati r-responsabbiltà u rimedju effettiv. Minħabba n-natura tal-attivitajiet u r-riskji relatati magħhom, jenħtieġ li dawk is-sistemi tal-IA b'riskju għoli jinkludu b'mod partikolari s-sistemi tal-IA maħsuba biex jintużaw minn jew f'isem l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni b'appoġġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-valutazzjoni tar-riskju ta' persuna fiżika li ssir vittma ta' reati kriminali, bħal poligrafi u għodod simili, għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-evidenza waqt investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali, u, sa fejn mhux ipprojbit skont dan ir-Regolament, għall-valutazzjoni tar-riskju ta' persuna fiżika li twettaq reat jew twettaq reat mill-ġdid mhux biss abbażi tat-tfassil ta' profili ta' persuni fiżiċi jew tal-valutazzjoni tal-kwalitajiet u l-karatteristiċi tal-personalità jew l-imġiba kriminali fil-passat ta' persuni fiżiċi jew gruppi, għat-tfassil ta' profili matul il-kxif, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Jenħtieġ li s-sistemi tal-IA maħsuba speċifikament biex jintużaw għal proċedimenti amministrattivi mill-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana kif ukoll mill-unitajiet tal-intelligence finanzjarja li jwettqu kompiti amministrattivi li janalizzaw l-informazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus ma jiġux klassifikati bħala sistemi tal-IA b'riskju għoli użati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-fini tal-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Jenħtieġ li l-użu tal-għodod tal-IA mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet rilevanti oħra ma jsirx fattur ta' inugwaljanza jew esklużjoni. Jenħtieġ li l-impatt tal-użu tal-għodod tal-IA fuq id-drittijiet tad-difiża tal-persuni suspettati ma jiġix injorat, b'mod partikolari d-diffikultà biex tinkiseb informazzjoni sinifikattiva dwar il-funzjonament ta' dawk is-sistemi u d-diffikultà li tirriżulta biex jiġu kkontestati r-riżultati tagħhom fil-qorti, b'mod partikolari minn persuni fiżiċi li qed jiġu investigati.
Bron: EUR-Lex, Verordening (EU) 2024/1689 — tekst ongewijzigd overgenomen.
📬 AI Act Weekly
Ontvang elke week de belangrijkste AI Act ontwikkelingen in je inbox.
Aanmelden