Recital 97 AI Act
Official text
id="rct_97">
(97)
Jenħtieġ li l-kunċett ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali jiġi ddefinit b'mod ċar u jkun distint mill-kunċett ta' sistemi tal-IA biex ikun hemm ċertezza legali. Jenħtieġ li d-definizzjoni tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi funzjonali ewlenin ta' mudell tal-IA bi skop ġenerali, b'mod partikolari l-ġeneralità u l-kapaċità li jwettaq b'mod kompetenti firxa wiesgħa ta' kompiti distinti. Dawn il-mudelli huma tipikament imħarrġa fuq ammonti kbar ta' data, permezz ta' diversi metodi, bħal tagħlim awtosorveljat, mhux sorveljat jew rinforzat. Il-mudelli tal-IA bi skop ġenerali jistgħu jiġu introdotti fis-suq b'diversi modi, inkluż permezz ta' libreriji, interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs), bħala tniżżil dirett, jew bħala kopja fiżika. Dawn il-mudelli jistgħu jiġu mmodifikati jew irfinati aktar f'mudelli ġodda. Għalkemm il-mudelli tal-IA huma komponenti essenzjali tas-sistemi tal-IA, waħedhom ma jikkostitwixxux sistemi tal-IA. Il-mudelli tal-IA jeħtieġu ż-żieda ta' komponenti ulterjuri, bħal pereżempju interfaċċa tal-utent, biex isiru sistemi tal-IA. Il-mudelli tal-IA tipikament jiġu integrati fis-sistemi tal-IA u jiffurmaw parti minnhom. Dan ir-Regolament jipprevedi regoli speċifiċi għal mudelli tal-IA bi skop ġenerali u għal mudelli tal-IA bi skop ġenerali li joħolqu riskji sistemiċi, li jenħtieġ li japplikaw ukoll meta dawn il-mudelli jkunu integrati jew jiffurmaw parti minn sistema tal-IA. Jenħtieġ li jinftiehem li l-obbligi għall-fornituri ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali jenħtieġ li japplikaw ladarba l-mudelli tal-IA bi skop ġenerali jiġu introdotti fis-suq. Meta l-fornitur ta' mudell tal-IA bi skop ġenerali jintegra mudell proprju fis-sistema tal-IA tiegħu stess li jiġi introdott fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz, jenħtieġ li dak il-mudell jitqies li ġie introdott fis-suq u, għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi f'dan ir-Regolament għall-mudelli jkomplu japplikaw flimkien ma' dawk għas-sistemi tal-IA. Fi kwalunkwe każ jenħtieġ li l-obbligi stabbiliti għall-mudelli ma japplikawx meta mudell proprju jintuża għal proċessi purament interni li ma jkunux essenzjali għall-forniment ta' prodott jew servizz lil partijiet terzi u d-drittijiet tal-persuni fiżiċi ma jiġux affettwati. Meta jitqiesu l-effetti negattivi sinifikanti potenzjali tagħhom, jenħtieġ li l-mudelli tal-IA bi skop ġenerali b'riskju sistemiku dejjem ikunu soġġetti għall-obbligi rilevanti skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li d-definizzjoni ma tkoprix il-mudelli tal-IA użati qabel l-introduzzjoni tagħhom fis-suq għall-iskop uniku ta' attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u ħolqien ta' prototipi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' konformità ma' dan ir-Regolament meta, wara tali attivitajiet, mudell jiġi introdott fis-suq.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe