Recital 73 AI Act
Official text
id="rct_73">
(73)
Jenħtieġ li s-sistemi tal-IA b'riskju għoli jitfasslu u jiġu żviluppati b'tali mod li l-persuni fiżiċi jkunu jistgħu jissorveljaw il-funzjonament tagħhom, jiżguraw li jintużaw kif maħsub u li l-impatti tagħhom jiġu indirizzati matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-fornitur tas-sistema jidentifika miżuri xierqa ta' sorveljanza mill-bniedem qabel ma tiġi introdotta fis-suq jew imqiegħda fis-servizz. B'mod partikolari, meta xieraq, jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu jiggarantixxu li s-sistema tkun soġġetta għal restrizzjonijiet operazzjonali inkorporati li ma jistgħux jitwarrbu mis-sistema nnifisha u li tkun tirreaġixxi għall-operatur uman, u li l-persuni fiżiċi li lilhom tkun ġiet assenjata sorveljanza mill-bniedem jkollhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jaqdu dak ir-rwol. Huwa essenzjali wkoll, kif xieraq, li jiġi żgurat li s-sistemi tal-IA b'riskju għoli jinkludu mekkaniżmi li jiggwidaw u jinfurmaw lil persuna fiżika li lilha tkun ġiet assenjata s-sorveljanza mill-bniedem biex tieħu deċiżjonijiet infurmati dwar jekk, meta u kif għandha tintervjeni biex jiġu evitati konsegwenzi jew riskji negattivi, jew biex titwaqqaf is-sistema jekk ma taħdimx kif maħsub. Meta jitqiesu l-konsegwenzi sinifikanti għall-persuni fil-każ ta' tqabbil mhux korrett minn ċerti sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika, huwa xieraq li jiġi previst rekwiżit imtejjeb ta' sorveljanza mill-bniedem għal dawk is-sistemi sabiex ma tittieħed l-ebda azzjoni jew deċiżjoni mill-implimentatur abbażi tal-identifikazzjoni li tirriżulta mis-sistema sakemm dan ma jkunx ġie vverifikat u kkonfermat separatament minn mill-inqas żewġ persuni fiżiċi. Dawk il-persuni jistgħu jkunu minn entità waħda jew aktar u jinkludu l-persuna li topera jew li tuża s-sistema. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ma joħloqx piż jew dewmien bla bżonn u jista' jkun biżżejjed li l-verifiki separati mill-persuni differenti jiġu rreġistrati awtomatikament fir-reġistri ġġenerati mis-sistema. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-oqsma tal-infurzar tal-liġi, il-migrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri u l-ażil, jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ma japplikax fejn il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tqis li l-applikazzjoni ta' dak ir-rekwiżit hija sproporzjonata.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe