Recital 67 AI Act
Official text
id="rct_67">
(67)
Id-data ta' kwalità għolja u l-aċċess għal data ta' kwalità għolja għandhom rwol vitali fl-għoti tal-istruttura u fl-iżgurar tal-prestazzjoni ta' ħafna sistemi tal-IA, speċjalment meta jintużaw tekniki li jinvolvu t-taħriġ tal-mudelli, bl-għan li jiġi żgurat li s-sistema tal-IA b'riskju għoli taħdem kif suppost u b'mod sikur u ma ssirx sors ta' diskriminazzjoni pprojbit mil-liġi tal-Unjoni. Settijiet tad-data ta' kwalità għolja għal taħriġ, validazzjoni u ttestjar jirrikjedu l-implimentazzjoni ta' prattiki xierqa ta' governanza u ġestjoni tad-data. Jenħtieġ li s-settijiet tad-data għal taħriġ, validazzjoni u ttestjar, inkluż it-tikketti, ikunu rilevanti, rappreżentattivi biżżejjed, u sa fejn possibbli mingħajr żbalji u kompluti fid-dawl tal-għan maħsub tas-sistema. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, bħar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-prattiki ta' governanza u tal-ġestjoni tad-data jinkludu, fil-każ ta' data personali, trasparenza fir-rigward tal-iskop oriġinali tal-ġbir tad-data. Jenħtieġ li s-settijiet tad-data jkollhom ukoll il-proprjetajiet statistiċi xierqa, inkluż fir-rigward tal-persuni jew tal-gruppi ta' persuni li fir-rigward tagħhom hija maħsuba li tintuża s-sistema tal-IA b'riskju għoli, b'attenzjoni speċifika għall-mitigazzjoni tal-preġudizzji possibbli fis-settijiet tad-data, li x'aktarx jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tal-persuni, ikollhom impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali jew iwasslu għal diskriminazzjoni pprojbita skont il-liġi tal-Unjoni, speċjalment meta l-outputs tad-data jinfluwenzaw l-inputs għal operazzjonijiet futuri (feedback loops). Il-preġudizzji jistgħu pereżempju jkunu inerenti fis-settijiet tad-data sottostanti, speċjalment meta tkun qed tintuża data storika, jew iġġenerati meta s-sistemi jiġu implimentati f'ambjenti reali. Ir-riżultati pprovduti mis-sistemi tal-IA jistgħu jiġu influwenzati minn tali preġudizzji inerenti li huma inklinati li jiżdiedu gradwalment u b'hekk jipperpetwaw u jamplifikaw id-diskriminazzjoni eżistenti, b'mod partikolari għal persuni li jagħmlu parti minn ċerti gruppi vulnerabbli, inkluż gruppi razzjali jew etniċi. Jenħtieġ li r-rekwiżit li s-settijiet tad-data jkunu kemm jista' jkun kompluti u mingħajr żbalji ma jaffettwax l-użu ta' tekniki li jippreservaw il-privatezza fil-kuntest tal-iżvilupp u l-ittestjar tas-sistemi tal-IA. B'mod partikolari, jenħtieġ li s-settijiet tad-data jqisu, sa fejn ikun meħtieġ mill-għan maħsub tagħhom, il-karatteristiċi jew l-elementi partikolari għall-ambjent jew għall-issettjar ġeografiku, kuntestwali, komportamentali jew funzjonali speċifiku li fih tkun maħsuba li tintuża s-sistema tal-IA. Ir-rekwiżiti relatati mal-governanza tad-data jistgħu jiġu rrispettati billi jsir rikors għal partijiet terzi li joffru servizzi ta' konformità ċċertifikati inkluż verifika tal-governanza tad-data, tal-integrità tas-sett tad-data, u tat-taħriġ tad-data, il-prattiki tal-validazzjoni u tal-ittestjar, sa fejn tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tad-data ta' dan ir-Regolament.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe