Recital 34 AI Act
Official text
id="rct_34">
(34)
Biex ikun żgurat li dawk is-sistemi jintużaw b'mod responsabbli u proporzjonat, hu importanti wkoll li jiġi stabbilit li, f'kull waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti u definiti b'mod ristrett, jenħtieġ jitqiesu ċerti elementi, b'mod partikolari fir-rigward tan-natura tas-sitwazzjoni li twassal għat-talba u l-konsegwenzi tal-użu għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kollha kkonċernati u s-salvagwardji u l-kundizzjonijiet previsti fl-użu. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-użu tas-sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika remota “fil-ħin reali” fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku għal finijiet ta' infurzar tal-liġi jiġi implimentat biss biex jikkonferma l-identità tal-individwu fil-mira b'mod speċifiku u jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ fir-rigward tal-perjodu ta' żmien, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku u personali, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-evidenza jew l-indikazzjonijiet rigward it-theddid, il-vittmi jew l-awtur. Jenħtieġ li l-użu tas-sistema ta’ identifikazzjoni bijometrika remota fil-ħin reali fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku jiġi awtorizzat biss jekk l-awtorità rilevanti tal-infurzar tal-liġi tkun lestiet valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, tkun irreġistrat is-sistema fil-bażi tad-data kif stipulat f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-bażi ta' data ta' referenza tal-persuni tkun adattata għal kull każ ta' użu f'kull waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe