Recital 33 AI Act
Official text
id="rct_33">
(33)
Għalhekk, jenħtieġ li l-użu ta' dawk is-sistemi għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi jiġi pprojbit, minbarra f'sitwazzjonijiet elenkati b'mod eżawrjenti u definiti b'mod ristrett, meta l-użu hu strettament meħtieġ biex jinkiseb interess pubbliku sostanzjali li l-importanza tiegħu tisboq ir-riskji. Dawk is-sitwazzjonijiet jinvolvu t-tiftix għal ċerti vittmi tal-kriminalità inkluż il-persuni neqsin; ċerti theddidiet għall-ħajja jew għas-sikurezza fiżika ta' persuni fiżiċi jew ta' attakk terroristiku; u l-lokalizzazzjoni jew l-identifikazzjoni ta' awturi jew suspettati tar-reati kriminali elenkati f'anness ta' dan ir-Regolament, fejn dawk ir-reati kriminali jkunu punibbli fl-Istat Membru kkonċernat b'piena li ċċaħħad il-libertà jew b'ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-inqas erba' snin, u kif inhuma definiti fil-liġi ta' dak l-Istat Membru. Tali limitu fil-piena li ċċaħħad il-libertà jew l-ordni ta' detenzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li r-reat jenħtieġ li jkun serju biżżejjed biex potenzjalment jiġġustifika l-użu ta' sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika remota “fil-ħin reali”. Barra minn hekk, il-lista ta’ reati kriminali pprovduta f’anness ta’ dan ir-Regolament hija bbażata fuq it-32 reat kriminali elenkati fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (18), b'kont meħud li xi wħud minn dawk ir-reati aktarx li fil-prattika jkunu aktar rilevanti minn oħrajn, fis-sens li r-rikors għal identifikazzjoni bijometrika remota “fil-ħin reali” jkun prevedibbilment meħtieġ u proporzjonat sa gradi varji ħafna biex fil-prattika jkun hemm il-lokalizzazzjoni jew l-identifikazzjoni ta' awtur ta' reat kriminali jew ta' persuna suspettata b'reati kriminali differenti elenkati u b'kunsiderazzjoni tad-differenzi li x'aktarx ikun hemm fil-gravità, fil-probabbiltà u fl-iskala tal-ħsara jew tal-konsegwenzi negattivi possibbli. Theddida imminenti għall-ħajja jew għas-sikurezza fiżika ta' persuni fiżiċi tista' tirriżulta wkoll minn tfixkil serju tal-infrastruttura kritika, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4) tad-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), fejn it-tfixkil jew il-qerda ta' tali infrastruttura kritika tirriżulta f'theddida imminenti għall-ħajja jew għas-sikurezza fiżika ta' persuna, inkluż permezz ta' dannu serju għall-forniment ta' provvisti bażiċi lill-popolazzjoni jew għall-eżerċizzju tal-funzjoni ewlenija tal-Istat. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippreserva l-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-kontroll fil-fruntieri, tal-immigrazzjoni jew tal-ażil li jwettqu verifiki tal-identità fil-preżenza tal-persuna kkonċernata f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni u f'dik nazzjonali għal tali verifiki. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-kontroll fil-fruntiera, tal-immigrazzjoni jew tal-ażil ikunu jistgħu jużaw sistemi ta' informazzjoni, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, biex jidentifikaw persuni li, matul kontroll tal-identità, jew jirrifjutaw li jiġu identifikati jew ma jkunux jistgħu jiddikjaraw jew jagħtu prova tal-identità tagħhom, mingħajr ma tkun meħtieġa minn dan ir-Regolament li tikseb awtorizzazzjoni minn qabel. Din tista' tkun, pereżempju, persuna involuta f'reat, li ma tkunx trid, jew ma tkunx tista', minħabba aċċident jew kundizzjoni medika, tiddivulga l-identità tagħha lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe