Recital 24 AI Act
Official text
id="rct_24">
(24)
Jekk, u sa fejn, is-sistemi tal-IA jiġu introdotti fis-suq, jitqiegħdu fis-servizz, jew jintużaw b'modifika jew mingħajr modifika ta' tali sistemi għal finijiet militari, ta' difiża jew ta' sigurtà nazzjonali, dawk jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament irrispettivament minn liema tip ta' entità tkun qed twettaq dawk l-attivitajiet, bħal jekk tkunx entità pubblika jew privata. Fir-rigward ta' finijiet militari u ta' difiża, tali esklużjoni hija ġġustifikata kemm mill-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll mill-ispeċifiċitajiet tal-politika ta' difiża komuni tal-Istati Membri u tal-Unjoni koperta mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE li huma soġġetti għad-dritt internazzjonali pubbliku, li huwa għalhekk il-qafas legali aktar xieraq għar-regolamentazzjoni tas-sistemi tal-IA fil-kuntest tal-użu ta' forza letali u sistemi oħra tal-IA fil-kuntest ta' attivitajiet militari u ta' difiża. Fir-rigward ta' finijiet ta' sigurtà nazzjonali, l-esklużjoni hija ġġustifikata kemm mill-fatt li s-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll min-natura speċifika u l-ħtiġijiet operazzjonali tal-attivitajiet ta' sigurtà nazzjonali u regoli nazzjonali speċifiċi applikabbli għal dawk l-attivitajiet. Madankollu, jekk sistema tal-IA żviluppata, introdotta fis-suq, imqiegħda fis-servizz jew użata għal finijiet militari, ta' difiża jew ta' sigurtà nazzjonali tintuża barra minn dawk temporanjament jew b'mod permanenti għal finijiet oħra, pereżempju, għal finijiet ċivili jew umanitarji, għal finijiet ta' infurzar tal-liġi jew ta' sigurtà pubblika, tali sistema taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. F'dak il-każ, jenħtieġ li l-entità li tuża s-sistema tal-IA għal finijiet oħra għajr dawk militari, ta' difiża jew ta' sigurtà nazzjonali tiżgura l-konformità tas-sistema tal-IA ma' dan ir-Regolament, sakemm is-sistema ma tkunx diġà konformi ma' dan ir-Regolament. Is-sistemi tal-IA introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz għal skop eskluż, jiġifieri militari, ta' difiża jew ta' sigurtà nazzjonali, u skop wieħed jew aktar mhux esklużi, bħal finijiet ċivili jew infurzar tal-liġi, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u jenħtieġ li l-fornituri ta' dawk is-sistemi jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament. F'dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-fatt li sistema tal-IA tista' taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li entitajiet li qed iwettqu attivitajiet nazzjonali ta' sigurtà, ta' difiża u militari, irrispettivament mit-tip ta' entità li twettaq dawk l-attivitajiet, jużaw sistemi tal-IA għal finijiet ta' sigurtà, militari u ta' difiża nazzjonali, li l-użu tagħhom huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li sistema tal-IA introdotta fis-suq għal finijiet ċivili jew ta' infurzar tal-liġi li tintuża b'modifika jew mingħajr modifika għal finijiet militari, ta' difiża jew ta' sigurtà nazzjonali ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, irrispettivament mit-tip ta' entità li twettaq dawk l-attivitajiet.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe