Responsible AI Platform
Recital 180 of 180100%

Recital 180 AI Act

Official text

id="rct_180">

(180)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f'konformità mal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u taw l-opinjoni konġunta tagħhom fit-18 ta' Ġunju 2021,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern u li jippromwovi l-użu ta' intelliġenza artifiċjali (IA) iċċentrata fuq il-bniedem u affidabbli, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, tas-sikurezza, tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, inkluż id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni ambjentali, kontra l-effetti ta' ħsara tas-sistemi tal-IA fl-Unjoni u li tiġi appoġġata l-innovazzjoni.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

regoli armonizzati għall-introduzzjoni fis-suq, għat-tqegħid fis-servizz u għall-użu ta' sistemi tal-IA fl-Unjoni;

(b)

projbizzjonijiet ta' ċerti prattiki tal-IA;

(c)

rekwiżiti speċifiċi għas-sistemi tal-IA b'riskju għoli u obbligi għall-operaturi ta' dawn is-sistemi;

(d)

regoli ta' trasparenza armonizzati għal ċerti sistemi tal-IA;

(e)

regoli armonizzati għall-introduzzjoni fis-suq ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali;

(f)

regoli dwar il-monitoraġġ tas-suq, il-governanza tas-sorveljanza tas-suq u l-infurzar;

(g)

miżuri b'appoġġ għall-innovazzjoni b'enfasi partikolari fuq l-SMEs, inkluż in-negozji ġodda.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

il-fornituri li jintroduċu fis-suq jew li jqiegħdu fis-servizz sistemi tal-IA jew li jintroduċu fis-suq mudelli tal-IA bi skop ġenerali fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk dawk il-fornituri jkunux stabbiliti jew ikunux jinsabu fl-Unjoni jew f'pajjiż terz;

(b)

l-implimentaturi ta' sistemi tal-IA li għandhom il-post ta' stabbiliment tagħhom fl-Unjoni jew li jinsabu fiha;

(c)

il-fornituri u l-implimentaturi ta' sistemi tal-IA li għandhom il-post ta' stabbiliment f'pajjiż terz jew li jinsabu f'pajjiż terz, meta l-output prodott mis-sistema tal-IA jintuża fl-Unjoni;

(d)

l-importaturi u d-distributuri ta' sistemi tal-IA;

(e)

il-manifatturi tal-prodotti li jintroduċu fis-suq jew li jqiegħdu fis-servizz sistema tal-IA flimkien mal-prodott tagħhom u taħt isimhom jew bit-trademark tagħhom stess;

(f)

ir-rappreżentanti awtorizzati tal-fornituri, li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni;

(g)

il-persuni affettwati li jinsabu fl-Unjoni.

2.   Għas-sistemi tal-IA klassifikati bħala sistemi tal-IA b'riskju għoli f'konformità mal-Artikolu 6(1) relatati ma' prodotti koperti bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni elenkata fit-Taqsima B tal-Anness I, japplikaw biss l-Artikolu 6(1), l-Artikoli 102 sa 109 u l- Artikolu 112. L-Artikolu 57 japplika biss sa fejn ir-rekwiżiti għas-sistemi tal-IA b'riskju għoli skont dan ir-Regolament ikunu ġew integrati f'dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal oqsma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u ma għandux, fi kwalunkwe każ, jaffettwa l-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali, irrispettivament mit-tip ta' entità fdata mill-Istati Membri biex twettaq il-kompiti fir-rigward ta' dawk il-kompetenzi. Dan ir-Regolament ma japplikax għal sistemi tal-IA fejn u sakemm jiġu introdotti fis-suq, jitqiegħdu fis-servizz jew jintużaw b'modifika jew mingħajr modifika esklużivament għal fini militari, ta' difiża jew ta' sigurtà nazzjonali, irrispettivament mit-tip tal-entità li twettaq dawk l-attivitajiet. Dan ir-Regolament ma japplikax għal sistemi tal-IA li ma jiġux introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz fl-Unjoni, meta l-output jintuża fl-Unjoni esklużivament għal fini militari, ta' difiża jew ta' sigurtà nazzjonali, irrispettivament mit-tip tal-entità li twettaq dawk l-attivitajiet.

4.   Dan ir-Regolament la japplika għal awtoritajiet pubbliċi f'pajjiż terz u lanqas għal organizzazzjonijiet internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont il-paragrafu 1, meta dawk l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet jużaw sistemi tal-IA fil-qafas ta' kooperazzjoni jew ftehimiet internazzjonali għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Unjoni jew ma' Stat Membru wieħed jew aktar, dment li tali pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali tipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi.

5.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kif stipulat fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2022/2065.

6.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal sistemi jew mudelli tal-IA, inkluż l-output tagħhom, speċifikament żviluppati u mqiegħda fis-servizz għall-iskop uniku tar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi.

7.   Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali, il-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni tapplika għal data personali pproċessata b'rabta mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa r-Regolament (UE) 2016/679 jew (UE) 2018/1725 jew id-Direttiva 2002/58/KE jew (UE) 2016/680, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 59 ta' dan ir-Regolament.

8.   Dan ir-Regolament ma japplika għall-ebda attività ta' riċerka, ittestjar jew żvilupp fir-rigward ta' sistemi tal-IA jew mudelli tal-IA qabel ma jiġu introdotti fis-suq jew jitqiegħdu fis-servizz. Tali attivitajiet għandhom jitwettqu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli. L-ittestjar fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali ma għandux ikun kopert minn dik l-esklużjoni.

9.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti minn atti legali oħra tal-Unjoni relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti.

10.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-obbligi ta' implimentaturi li huma persuni fiżiċi li jużaw sistemi tal-IA waqt attività purament personali mhux professjonali.

11.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Unjoni jew lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema f'termini ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-użu tas-sistemi tal-IA mill-impjegaturi, jew milli jħeġġu jew jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

12.   Dan ir-Regolament ma japplikax għas-sistemi tal-IA rilaxxati b'liċenzji liberi u b'sors miftuħ sakemm ma jiġux introdotti fis-suq jew mqiegħda fis-servizz bħala sistemi tal-IA b'riskju għoli jew bħala sistema tal-IA li taqa' taħt l-Artikolu 5 jew 50.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sistema tal-IA” tfisser sistema bbażata fuq magna li hija mfassla biex topera b'livelli differenti ta' awtonomija u li tista' turi adattabbiltà wara l-implimentazzjoni, u li, għal objettivi espliċiti jew impliċiti, tinferixxi, mill-input li tirċievi, kif tiġġenera outputs bħal previżjonijiet, kontenut, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw ambjenti fiżiċi jew virtwali;

(2)

“riskju” tfisser il-kombinazzjoni tal-probabbiltà li sseħħ ħsara u s-severità ta' dik il-ħsara;

(3)

“fornitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija

Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.

📬 AI Act Weekly

Get the most important AI Act developments in your inbox every week.

Subscribe