Recital 17 AI Act
Official text
id="rct_17">
(17)
Jenħtieġ li l-kunċett ta' “sistema ta' identifikazzjoni bijometrika remota” msemmi f'dan ir-Regolament jiġi ddefinit b'mod funzjonali, bħala sistema tal-IA maħsuba għall-identifikazzjoni ta' persuni fiżiċi mingħajr l-involviment attiv tagħhom, tipikament mill-bogħod, permezz tat-tqabbil tad-data bijometrika ta' persuna mad-data bijometrika li tinsab f'bażi ta' data ta' referenza, irrispettivament mit-teknoloġija, mill-proċessi jew mit-tipi partikolari ta' data bijometrika użati. Tali sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika remota tipikament jintużaw biex jipperċepixxu diversi persuni jew l-imġiba tagħhom simultanjament sabiex jiffaċilitaw b'mod sinifikanti l-identifikazzjoni ta' persuni fiżiċi mingħajr l-involviment attiv tagħhom. Dan jeskludi sistemi tal-IA maħsuba biex jintużaw għall-verifika bijometrika, li tinkludi l-awtentikazzjoni, li l-iskop uniku tagħha huwa li tikkonferma li persuna fiżika speċifika hija l-persuna li tiddikjara li hija u li tikkonferma l-identità ta' persuna fiżika għall-iskop uniku li jkollha aċċess għal servizz, li tiftaħ apparat jew li jkollha aċċess sigur għall-bini. Dik l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li tali sistemi x'aktarx ikollhom impatt minuri fuq id-drittijiet fundamentali ta' persuni fiżiċi meta mqabbla mas-sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika remota li jistgħu jintużaw għall-ipproċessar tad-data bijometrika ta' għadd kbir ta' persuni mingħajr l-involviment attiv tagħhom. Fil-każ ta' sistemi “fil-ħin reali”, il-qbid tad-data bijometrika, it-tqabbil u l-identifikazzjoni jsiru b'mod istantanju, kważi istantanju jew fi kwalunkwe każ mingħajr dewmien sinifikanti. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda lok li jiġu evitati r-regoli ta' dan ir-Regolament dwar l-użu “fil-ħin reali” tas-sistemi tal-IA kkonċernati billi jiġi previst xi dewmien żgħir. Is-sistemi “fil-ħin reali” jinvolvu l-użu ta' materjal “dirett” jew “kważi dirett”, bħal filmat, iġġenerat minn kamera jew minn apparat ieħor b'funzjonalità simili. Għall-kuntrarju, fil-każ tas-sistemi “f'ħin aktar tard”, id-data bijometrika tkun diġà nkisbet u t-tqabbil u l-identifikazzjoni jsiru biss wara ċertu dewmien sinifikanti. Dan jinvolvi materjal, bħal stampi jew filmati ġġenerati minn kameras tat-televiżjoni b'ċirkwit magħluq jew minn apparati privati, li jkun ġie ġġenerat qabel tkun intużat is-sistema fir-rigward tal-persuni fiżiċi kkonċernati.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe