Recital 16 AI Act
Official text
id="rct_16">
(16)
Jenħtieġ li l-kunċett ta' “kategorizzazzjoni bijometrika” msemmi f'dan ir-Regolament jiġi ddefinit bħala l-assenjazzjoni ta' persuni fiżiċi għal kategoriji speċifiċi abbażi tad-data bijometrika tagħhom. Tali kategoriji speċifiċi jistgħu jkunu relatati ma' aspetti bħas-sess, l-età, il-kulur tax-xagħar, il-kulur tal-għajnejn, it-tatwaġġi, il-karatteristiċi tal-imġiba jew tal-personalità, il-lingwa, ir-reliġjon, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, l-orjentazzjoni sesswali jew dik politika. Dan ma jinkludix sistemi ta' kategorizzazzjoni bijometrika li huma karatteristika purament anċillari intrinsikament marbuta ma' servizz kummerċjali ieħor, li jfisser li l-karatteristika ma tistax, għal raġunijiet tekniċi oġġettivi, tintuża mingħajr is-servizz prinċipali, u l-integrazzjoni ta' dik il-karatteristika jew funzjonalità mhijiex mezz biex tiġi evitata l-applikabbiltà tar-regoli ta' dan ir-Regolament. Pereżempju, il-filtri li jikkategorizzaw il-karatteristiċi tal-wiċċ jew tal-ġisem użati fis-swieq online jistgħu jikkostitwixxu karatteristika anċillari bħal din peress li jistgħu jintużaw biss fir-rigward tas-servizz prinċipali li jikkonsisti fil-bejgħ ta' prodott billi jippermettu lill-konsumatur jara minn qabel kif jidher il-prodott fuqu nnifsu u jgħin lill-konsumatur jieħu deċiżjoni dwar ix-xiri. Il-filtri użati fuq servizzi ta' network soċjali online li jikkategorizzaw karatteristiċi tal-wiċċ jew tal-ġisem biex jippermettu lill-utenti jżidu jew jimmodifikaw stampi jew vidjos jistgħu jitqiesu wkoll bħala karatteristika anċillari peress li tali filtru ma jistax jintuża mingħajr is-servizz prinċipali tas-servizzi tan-network soċjali li jikkonsisti fil-kondiviżjoni tal-kontenut online.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe