Recital 141 AI Act
Official text
id="rct_141">
(141)
Biex jitħaffef il-proċess tal-iżvilupp u l-introduzzjoni fis-suq tas-sistemi tal-IA b'riskju għoli elenkati f' anness ta' dan ir-Regolament, huwa importanti li l-fornituri jew il-fornituri prospettivi ta' dawn is-sistemi jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn reġim speċifiku għall-ittestjar ta' dawk is-sistemi f'kundizzjonijiet tad-dinja reali, mingħajr ma jieħdu sehem f'ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA. Madankollu, f'każijiet bħal dawn, filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi possibbli ta' tali ttestjar fuq individwi, jenħtieġ li jiġi żgurat li dan ir-Regolament jintroduċi garanziji u kundizzjonijiet xierqa u suffiċjenti għall-fornituri jew il-fornituri prospettivi. Jenħtieġ li tali garanziji jinkludu, fost l-oħrajn, talba għal kunsens infurmat ta' persuni fiżiċi biex jieħdu sehem fl-ittestjar fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali, bl-eċċezzjoni tal-infurzar tal-liġi fejn it-tiftix ta' kunsens infurmat jipprevjeni s-sistema tal-IA milli tiġi ttestjata. Il-kunsens tas-suġġetti biex jieħdu sehem f'tali ttestjar skont dan ir-Regolament huwa distint minn u mingħajr preġudizzju għall-kunsens tas-suġġetti tad-data għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont il-liġi rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. Huwa importanti wkoll li jiġu minimizzati r-riskji u li tkun tista' ssir sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti u għalhekk ikun meħtieġ li l-fornituri prospettivi jkollhom pjan ta' ttestjar fid-dinja reali sottomess lill-awtorità kompetenti tas-sorveljanza tas-suq, jirreġistraw l-ittestjar f'taqsimiet iddedikati fil-bażi tad-data għall-UE soġġett għal xi eċċezzjonijiet limitati, jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq il-perjodu li għalih jista' jsir l-ittestjar u jirrikjedu salvagwardji addizzjonali għal persuni vulnerabbli li jagħmlu parti minn ċerti gruppi vulnerabbli, kif ukoll ftehim bil-miktub li jiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-fornituri u l-implimentaturi prospettivi u sorveljanza effettiva mill-persunal kompetenti involut fl-ittestjar fid-dinja reali. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu previsti salvagwardji addizzjonali biex jiġi żgurat li t-tbassir, ir-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tas-sistema tal-IA jkunu jistgħu jitreġġgħu lura u jiġu injorati b'mod effettiv u li d-data personali tiġi protetta u titħassar meta s-suġġetti jkunu rtiraw il-kunsens tagħhom biex jipparteċipaw fl-ittestjar mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Fir-rigward tat-trasferiment tad-data, huwa xieraq ukoll li jiġi previst li d-data miġbura u pproċessata għall-fini tal-ittestjar fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali jenħtieġ li tiġi ttrasferita lil pajjiżi terzi biss fejn jiġu implimentati salvagwardji xierqa u applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari f'konformità mal-bażijiet għat-trasferiment ta' data personali skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, filwaqt li għad-data mhux personali jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, bħar-Regolamenti (UE) 2022/868 (42) u (UE) 2023/2854 (43) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe