Recital 139 AI Act
Official text
id="rct_139">
(139)
Jenħtieġ li l-objettivi tal-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jkunu li jrawmu l-innovazzjoni tal-IA billi jistabbilixxu ambjent ikkontrollat ta' esperimentazzjoni u ttestjar fil-fażi tal-iżvilupp u ta' qabel il-kummerċjalizzazzjoni biex jiżguraw il-konformità tas-sistemi innovattivi tal-IA ma' dan ir-Regolament u ma' liġijiet tal-Unjoni jew nazzjonali oħra rilevanti. Barra minn hekk, l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jenħtieġ li jimmiraw li jsaħħu ċ-ċertezza legali għall-innovaturi u s-sorveljanza u l-fehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-opportunitajiet, tar-riskji emerġenti u tal-impatti tal-użu tal-IA, biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim regolatorju għall-awtoritajiet u għall-intrapriżi, inkluż bil-ħsieb ta' adattamenti futuri tal-qafas legali, biex jiġu appoġġati l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki mal-awtoritajiet involuti fl-ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA, u biex jitħaffef l-aċċess għas-swieq, inkluż billi jitneħħew l-ostakli għall-SMEs, inkluż in-negozji ġodda. Jenħtieġ li l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jkunu disponibbli b'mod wiesa' madwar l-Unjoni, u jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-aċċessibbiltà tagħhom għall-SMEs, inkluż in-negozji ġodda. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fl-ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA tiffoka fuq kwistjonijiet li jqajmu inċertezza legali għall-fornituri u l-fornituri prospettivi biex jinnovaw, jesperimentaw bl-IA fl-Unjoni u jikkontribwixxu għal tagħlim regolatorju bbażat fuq l-evidenza. Għalhekk, jenħtieġ li s-superviżjoni tas-sistemi tal-IA fl-ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA tkopri l-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar u l-validazzjoni tagħhom qabel ma s-sistemi jiġu introdotti fis-suq jew imqiegħda fis-servizz, kif ukoll il-kunċett u l-okkorrenza ta' modifika sostanzjali li tista' tirrikjedi proċedura ġdida ta' valutazzjoni tal-konformità. Kwalunkwe riskju sinifikanti identifikat matul l-iżvilupp u l-ittestjar ta' tali sistemi tal-IA jenħtieġ li jirriżulta f'mitigazzjoni adegwata u, fin-nuqqas ta' din, fis-sospensjoni tal-proċess tal-iżvilupp u tal-ittestjar. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkunu qed jistabbilixxu ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA jikkooperaw ma' awtoritajiet rilevanti oħra, inkluż dawk li jissorveljaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u jistgħu jagħtu lok għall-involviment ta' atturi oħra fl-ekosistema tal-IA bħal organizzazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej tal-istandardizzazzjoni, korpi notifikati, faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni, laboratorji tar-riċerka u tal-esperimentazzjoni, Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali u organizzazzjonijiet rilevanti tal-partijiet ikkonċernati u tas-soċjetà ċivili. Biex ikunu żgurati implimentazzjoni uniformi madwar l-Unjoni u l-ekonomiji ta' skala, jixraq jiġu stabbiliti regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA u qafas għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti involuti fis-superviżjoni tal-ambjenti ta' esperimentazzjoni. Jenħtieġ li l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA stabbiliti skont dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għal liġijiet oħra li jippermettu l-istabbiliment ta' ambjenti ta' esperimentazzjoni oħra bil-għan li jiżguraw il-konformità ma' liġijiet għajr dan ir-Regolament. Meta xieraq, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti inkarigati minn dawk l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja l-oħra jikkunsidraw il-benefiċċji tal-użu ta' dawk l-ambjenti ta' esperimentazzjoni anki għall-fini li jiżguraw il-konformità tas-sistemi tal-IA ma' dan ir-Regolament. Bi qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-parteċipanti fl-ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA, l-ittestjar fil-kundizzjonijiet tad-dinja reali jista' jsir u jiġi ssorveljat ukoll fil-qafas tal-ambjent ta' esperimentazzjoni regolatorja għall-IA.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe