Recital 131 AI Act
Official text
id="rct_131">
(131)
Sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-IA u biex tiżdied it-trasparenza lejn il-pubbliku, jenħtieġ li l-fornituri tas-sistemi tal-IA b'riskju għoli għajr dawk relatati ma' prodotti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, kif ukoll fornituri li jqisu li sistema tal-IA elenkata fil-każijiet ta’ użu b'riskju għoli f'anness ta' dan ir-Regolament mhix ta' riskju għoli abbażi ta' deroga, ikunu mitluba jirreġistraw lilhom infushom u l-informazzjoni dwar is-sistema tal-IA tagħhom f'bażi tad-data tal-UE, li trid tiġi stabbilita u ġestita mill-Kummissjoni. Qabel ma jużaw sistema tal-IA elenkata fil-każijiet ta’ użu b'riskju għoli f’anness ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-implimentaturi ta' sistemi tal-IA b'riskju għoli li jkunu awtoritajiet, aġenziji jew korpi pubbliċi, jirreġistraw lilhom infushom f'tali bażi tad-data tal-UE u jagħżlu s-sistema li beħsiebhom jużaw. Jenħtieġ li implimentaturi oħra jkunu intitolati li jagħmlu dan b'mod volontarju. Jenħtieġ li din it-taqsima tal-bażi tad-data tal-UE tkun aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas, u jenħtieġ li l-informazzjoni tkun faċilment navigabbli, tinftiehem u tinqara mill-magni. Jenħtieġ li l-bażi tad-data tkun faċli għall-utent ukoll, pereżempju billi tipprovdi funzjonalitajiet ta' tiftix, inkluż permezz ta' keywords, li jippermettu lill-pubbliku ġenerali jsib informazzjoni rilevanti li trid tiġi ppreżentata mar-reġistrazzjoni tas-sistemi tal-IA b'riskju għoli u dwar il-każ ta’ użu tas-sistemi tal-IA b'riskju għoli, stipulati f’anness ta' dan ir-Regolament, li għalihom jikkorrispondu s-sistemi tal-IA b'riskju għoli. Jenħtieġ li kwalunkwe modifika sostanzjali tas-sistemi tal-IA b'riskju għoli tiġi rreġistrata wkoll fil-bażi tad-data tal-UE. Għal sistemi tal-IA b'riskju għoli fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-ġestjoni tal-kontroll fil-fruntieri, jenħtieġ li l-obbligi ta' reġistrazzjoni jiġu ssodisfati f'taqsima sigura mhux pubblika tal-bażi tad-data tal-UE. Jenħtieġ li l-aċċess għat-taqsima sigura mhux pubblika jkun strettament limitat għall-Kummissjoni kif ukoll għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fir-rigward tat-taqsima nazzjonali tagħhom ta’ dik il-bażi tad-data. Jenħtieġ li s-sistemi tal-IA b’riskju għoli fil-qasam tal-infrastruttura kritika jiġu rreġistrati biss fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun il-kontrollur tal-bażi tad-data tal-UE, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725. Sabiex tiġi żgurata l-funzjonalità sħiħa tal-bażi tad-data tal-UE, meta tiġi implimentata, jenħtieġ li l-proċedura għall-istabbiliment tal-bażi tad-data tinkludi l-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet funzjonali mill-Kummissjoni u rapport tal-awditjar indipendenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ir-riskji taċ-ċibersigurtà meta twettaq il-kompiti tagħha bħala kontrollur tad-data fil-bażi tad-data tal-UE. Sabiex jiġu mmassimizzati d-disponibbiltà u l-użu tal-bażi tad-data tal-UE mill-pubbliku, il-bażi tad-data tal-UE, inkluż l-informazzjoni disponibbli permezz tagħha, jenħtieġ li tikkonforma mar-rekwiżiti skont id-Direttiva (UE) 2019/882.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe