Recital 112 AI Act
Official text
id="rct_112">
(112)
Jeħtieġ ukoll li tiġi ċċarata proċedura għall-klassifikazzjoni ta' mudell tal-IA bi skop ġenerali b'riskji sistemiċi. Jenħtieġ li mudell tal-IA bi skop ġenerali li jissodisfa l-limitu applikabbli għal kapaċitajiet b'impatt għoli jitqies li huwa mudell tal-IA bi skop ġenerali b'riskju sistemiku. Jenħtieġ li l-fornitur jinnotifika lill-Uffiċċju għall-IA mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti jew isir magħruf li mudell tal-IA bi skop ġenerali ser jissodisfa r-rekwiżiti li jwasslu għall-preżunzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward tal-limitu tal-operazzjonijiet b'punt varjabbli minħabba li t-taħriġ ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali jirrikjedi ippjanar konsiderevoli li jinkludi l-allokazzjoni bil-quddiem tar-riżorsi tal-komputazzjoni u, għalhekk, il-fornituri ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali jistgħu jkunu jafu jekk il-mudell tagħhom jilħaqx il-limitu qabel ma jitlesta t-taħriġ. Fil-kuntest ta' dik in-notifika, jenħtieġ li l-fornitur ikun jista' juri li minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, mudell tal-IA bi skop ġenerali b'mod eċċezzjonali ma jippreżentax riskji sistemiċi, u li għalhekk jenħtieġ li ma jiġix ikklassifikat bħala mudell tal-IA bi skop ġenerali b'riskji sistemiċi. Dik l-informazzjoni hija siewja għall-Uffiċċju għall-IA biex jantiċipa l-introduzzjoni fis-suq ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali b'riskji sistemiċi u l-fornituri jistgħu jibdew jinvolvu ruħhom mal-Uffiċċju għall-IA minn kmieni. Dik l-informazzjoni hija partikolarment importanti fir-rigward tal-mudelli tal-IA bi skop ġenerali li huma ppjanati li jiġu rilaxxati bħala sors miftuħ, minħabba li, wara r-rilaxx tal-mudell b'sors miftuħ, il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament jistgħu jkunu aktar diffiċli biex jiġu implimentati.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe