Recital 106 AI Act
Official text
id="rct_106">
(106)
Jenħtieġ li l-fornituri li jintroduċu mudelli tal-IA bi skop ġenerali fis-suq tal-Unjoni jiżguraw il-konformità mal-obbligi rilevanti f'dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-fornituri ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali jistabbilixxu politika biex jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, b'mod partikolari biex jidentifikaw u jikkonformaw mar-riżerva tad-drittijiet espressa mid-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva (UE) 2019/790. Jenħtieġ li kwalunkwe fornitur li jintroduċi mudell tal-IA bi skop ġenerali fis-suq tal-Unjoni jikkonforma ma' dan l-obbligu, irrispettivament mill-ġuriżdizzjoni li fiha jseħħu l-atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur li jirfdu t-taħriġ ta' dawk il-mudelli tal-IA bi skop ġenerali. Dan huwa meħtieġ biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri ta' mudelli tal-IA bi skop ġenerali meta l-ebda fornitur ma jkun jista' jikseb vantaġġ kompetittiv fis-suq tal-Unjoni billi japplika standards tad-drittijiet tal-awtur aktar baxxi minn dawk ipprovduti fl-Unjoni.
Source: EUR-Lex, Regulation (EU) 2024/1689 — text reproduced verbatim.
📬 AI Act Weekly
Get the most important AI Act developments in your inbox every week.
Subscribe